Search the truth… awaken the fire within you

Fittex il-verità...qajjem il-fjamma li hemm ġo fik. Din hija t-tema għal din is-sena skolastika 2020-2021, wara li s-sena skolastika l-oħra kellna tieqaf fin-nofs minħabba l-imxija tal-covid-19. Huwa żmien fejn inkomplu nirriflettu fuq dak kollu li jiġri fil-ħajja tagħna u nkomplu ninżlu fil-fond biex inkomplu infittxu l-verità. Is-sens tat-tfixxija huwa aspett agostinjan li dejjem infittxu u dan b’ħafna umiltà. Infittxu l-verità li hemm ġo fina, l-verità madwarna, l-Verità li huwa Ġesu Kristu, li qalilna “Jiena l-Verità”.

Issa kull wieħed minna jagħmel il-mistoqsija lilu innfisu kif u fejn qiegħed ifittex il-verità? Jew forsi naħsbu li nippretendu li nafu x’inhi l-verità? U x’inhi l-verità? Huma mistoqsijiet eżistenzjali u li ma għandnix naħarbu minnhom, imma li fis-silenzju tal-ħajja tagħna nkomplu nirrifilettu u dan jogħodd kemm għal kbar u anke għaż-żgħar.

Fl-istess ħin tidħol fik innifsek u tkompli tiskopri dik il-fjamma li hemm fik. Dik il-fjamma li għandna wkoll fil-logo tal-Kulleġġ. Il-qalb li tkun qiegħdha taqbad, għaliex dak li hemm fik, dawk il-kapaċitajiet ma jibqgħux hemmhekk imma taqsamhom mal-oħrajn biex flimkien mal-oħrajn tkompli tfittex il-verità. Hekk f’din it-tfittxija kontinwa tkompli tikkontempla l-preżenza ta’ Alla fostna u fil-qalb tagħna. Hekk ukoll inkomplu fil-formazzjoni ta’ leaders insara f’pajjiżna. Din it-tfixxija għall-verità timplika, li wieħed jesplora l-affarijiet, li mbagħad wieħed jiżen l-affarijiet u l-valuri f’dawl nisrani b’ħafna libertà, u li fl-aħħar jfittex is-sens tal-ħajja fejn jinkludi l-veritajiet fuq Alla, fuq il-bniedem u fuq id-dinja. U dan nagħmluh bi tfixxija kontinwa.

Il-Mulej ikompli jakkumpanjana f’din il-mixja tal-ħajja tagħna.

God bless you

Fr David Cortis osa

Rettur