Talba Jum l-Omm

Missier, niġu quddiemek illum f’isem l-ommijiet kollha li inti fdajtilhom il-kura taċ-ċkejknin tiegħek. Nirringrazzjawk li ħlaqt kull omm b’taħlita ta’ doni u talenti. Nirringrazzjawk tas-sagrifiċċji li kull omm tagħmel għat-tfal tagħha. Għall-iljieli mqajma li tqatta mat-tfal tagħha. Għall-idejn li raw tant ħidma;  il-ħasil, it-tindif, it-tisjir, it-tgħanniq, id-dixxiplina, il-kitba, u t-tpinġija.

Nirringrazzjawk tad-don li l-ommijiet jagħtu lill-uliedhom, kemm jekk huma ommijiet li jgħażlu li jibqgħu d-dar, ommijiet li jaħdmu jew ommijiet li jirnexxilhom jagħmlu ż-żewġ affarijiet. Nirringrazzjawk tal-ommijiet li jlaħħqu ma’ kollox, dejjem fi spirtu ta’ perseveranza u devozzjoni.

Nitolbu biex tagħti s-saħħa lil kull omm. Għinhom jaraw f’kull biċċa xogħol it-tifsira eterna li int tagħti lill-maternità. Għinhom biex jagħrfu li l-iktar avvenimenti radikali, u li jbiddlu d-dinja, jistgħu jseħħu fid-dar tagħhom stess. Għinhom jaħfru lil dawk li ma japprezzawx is-sinifikat tal-missjoni tagħhom.

Nitolbu speċjalment għas-single mothers, li jiddependu fuqek biss biex tkun ta’ Missier fil-familja tagħhom. Nitolbuk li tgħannaq miegħek dawk it-tfal li qatt ma se jkunu jafu min hu l-missier ta’ din id-dinja. Nitolbu wkoll għal dawk l-ommijiet li qatt ma’ kellhom il-privileġġ jġibu t-tfal fid-dinja, imma li jagħtu l-imħabba tagħhom lil dawk li huma fil-bżonn.

Nitolbuk li tkun il-ħobża ta’ kuljum għal dawk l-ommijiet li jħossuhom għajjiena. Nitolbuk li tkun l-ilma ħaj; is-sors tal-enerġija spiritwali u fiżika. Nitolbu li l-istess grazzja li nżergħet mill-Missier u mill-Iben fis-salvazzjoni tagħna, tinżera’ mill-ommijiet fit-tfal tagħhom.

Nitolbu li kull omm twarrab il-perfezzjoniżmu u minflok tħaddan it-tjubija tal-Vanġelu. Nitolbu li l-indiema u l-maħfra jiffurmaw kull dar.

Mulej, agħti lil kull omm qima lejk, il-Ħallieq u l-mexxej tal-ħajja. Għin lil kull omm biex isserraħ moħħha li hi tieħu ħsieb tat-tfal u li hu l-iSpirtu tiegħek biss li jista’ jġib il-bidla fil-qalb ta’ kull tifel u tifla. Nitolbu li kull omm issib il-mistrieħ fik.

Fuq kollox, Mulej, f’dan il-jum li fih niftakru fl-ommijiet, nitolbu biex inkunu nistgħu nħobbu u ngħożżu n-nisa li tawna l-ħajja, rawmuna, u li talbu għalina. Nitolbu li qalbna tfur bil-gratitudni lejk li ffurmajtna fil-ġuf ta’ omm.

Motherly Love is a painting by Veronique Vella Muskat