On 4 June 2021, on the eve of World Environment Day, 2 students from St Augustine College participated in the 15th EkoSkola Parliament Session. This year it was held online. The two students (Yevgeny Spiteri and Gabriel Pullicino) gave their speech in this Session which was also attended by various Members of Parliament (https://ekoskola.org.mt/news/15th-ekoskola-parliament-session/)
Onorevoli Membri Parlamentari
Jien Yevgeny Spiteri u sieħbi Gabriel Pullicino mill-Kullegg Santu Wistin u xtaqna nitkellmu magħkom dwar it-tniġġiż tal-baħar u t-telf ta’ bijodiversità li qed iġib miegħu.
Il-Mediterran huwa baħar li fih ħafna speċi ta’ ħut differenti imma sfortunatament huwa wieħed mill-iktar ibħra imniġġsa fid-dinja u dan x’aktarx minħabba li huwa iffrekwentat mit-turisti u hemm popolazzjoni kbira mal-kosta tiegħu u għalhekk jintrema fih ammont kbir ta’ plastik.
Biex il-plastik jonqos, irridu li l-ewwel nett ikun hemm iktar għarfien u edukazzjoni fuq l-effett li jħalli meta jkun ġol-baħar u kemm hu mportanti l-baħar għal Malta. Bħala ċittadini nistgħu nagħmlu l-parti tagħna billi ma nużawx single-use plastics, nerġgħu nużaw fliexken tal-plastik u affarijiet tal-plastik għal iktar minn darba u meta ma nkunux nistgħu nagħmlu dan aktar, nirriċiklawhom. Biex nqajmu iktar għarfien fuq dan kollu aħna nxerrdu l-kelma u nagħtu pariri lil nies oħra biex jagħmlu dak li hu tajjeb għall-ambjent u għall-baħar u nħajjru skejjel differenti jagħmlu l-istess.
Bħala komunità, tajjeb ukoll nipparteċipaw jew saħansitra norganizzaw clean-ups tal-bajjiet Maltin biex b’hekk jinġabar plastik u skart ieħor li jħallu warajhom nies irresponsabbli. Minħabba li ħafna mill-materjal tal-plastik li jintrema ġol-baħar huwa magħmul minn single plastic polymere, eżempju: fliexken tax-xorb, pożati u tubs tal-yoghurt dawn il-prodotti jistgħu jiġu mnaqqsa drastikament jekk jintuża l-materjal tal-karta.
Prodotti oħra tal-plastik bħalma huma basktijiet u boroż tal-plastik li wieħed juża biex igeżwer l-ikel huma iktar diffiċli biex jiġu rriċiklati u għalhekk jikkawżaw iktar dannu għall-baħar. Għaldaqstant tajjeb li nipprojbixxu bis-serjetà l-użu ta’ dan it-tip ta’ plastik u mil-lat ta’ policy, ikun hemm inċentivi biex jintużaw materjali oħra.
Mela flimkien tajjeb niffurmaw parti mis-soluzzjoni u mhux inkunu aħna stess parti mit-tniġġis. Aħna ma rridux nistennew lil ħaddieħor biex jagħmel l-ewwel pass imma rridu nkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass u nservu ta’ eżempju. U dan jgħodd għalikom ukoll onorevoli fid-djar tagħkom.
Min-naħa tiegħi xtaqt nitkellem fuq il-Ghost Fishing.
L-iskop tat-tagħmir tas-sajd hu li jaqbad il-ħlejjaq tal-baħar. Anke jekk jintilef, it-tagħmir xorta jibqa’ jaqbad il-ħlejjaq tal-baħar u dan jissejjaħ ‘ghost fishing’. Illum il-ġurnata t-tagħmir tas-sajd huwa magħmul biex ikun reżistenti fil-baħar u ma jinqeridx malajr. Il-plastik ikun ta’ kwalita’ superjuri, u jieħu ħafna żmien biex jiddikomponi. Fil-fatt 1.5% biss minnu jiġi riċiklat kif suppost.
It-tagħmir tas-sajd li jitħalla f’qiegħ-il baħar jikkaġuna ħsara fuq il-ħlejjaq u l-ekosistema marittima. Għandu wkoll impatt negattiv ukoll fuq l-industrija marittima, in-navigazzjoni, il-kwalita’ tal-bajjiet, il-komunitajiet lokali u fuq is-sajjieda. Għalkemm ma jkunx hemm l-involviment uman, it-tagħmir li jitħalla fil-baħar ikompli jagħmel ħafna ħsara lill-ħut u anke joqtol ħafna kreaturi marittimi. Miljuni ta’ annimali marittimi fosthom klieb-il baħar, dniefel, foki u fkieren jitħablu f’dawn ix-xbieki u ma jkunux jistgħu jinħelsu, b’hekk jispiċċaw imutu. Kull sena tmien miljun tunnellata ta’ plastik qed jispiċċa fil-baħar, li l-parti l-kbira minnu hija tagħmir tas-sajd. Fil-fatt it-tagħmir tas-sajd huwa l-iktar debris marittimu li jhedded lill-ħajja marittima. Mhux inqas minn 640,000 tunnellata ta’ tagħmir jitħalla f’qiegħ il-baħar kull sena – li jfisser li iktar minn tunnellata kull minuta qed jitħalla fil-baħar.
Rakkomandazzjonijiet sabiex jonqos il-’Ghost Fishing’:
• li x-xbieki tas-sajd ikunu rreġistrati u mmarkati b’tagħmir ta’ rintraċċar, ħalli jkun iktar faċli li jiġu rkuprati jekk jintilfu fuq il-baħar. Ħsarat, telf u rimi ta’ xbieki tas-sajd għandhom jiġu rreġistrati wkoll.
• Inċentivi lis-sajjieda biex itellgħu kemm jistgħu tagħmir tas-sajd li jkun tħalla fil-baħar, kif ukoll skart ieħor.
• It-tagħmir tas-sajd għandu jkun riċiklat
• Il-produtturi li jipproducu tagħmir tas-sajd li fih il-plastik għandhom iħallsu għall-ispejjeż biex jitnaddfu l-portijiet.
• Il-produtturi jiġu mħeġġa jużaw materjal sostenibli fil-produzzjoni tat-tagħmir tas-sajd.
• Għajnuna finanzjarja lis-sajjieda biex jużaw metodi tas-sajd iktar sostenibli.
• Kampanja biex il-poplu japrezza aktar il-baħar u l-benefiċċji li jagħtina.
Yevgeny Spiteri u Gabriel Pullicino